Dwar l-Europol

Ngħinu biex nagħmlu l-Ewropa aktar sigura

L-Europol hija l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. L-għan prinċipali tagħna hu li ngħinu biex tinkiseb Ewropa aktar sigura għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE.

Bil-Kwartieri Ġenerali fl-Aja, fin-Netherlands, aħna ngħinu lit-28 Stat Membru tal-UE fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu internazzjonali. Naħdmu wkoll ma’ bosta stati msieħba li mhumiex fl-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

In-netwerks ta’ kriminali u terroristi fuq skala kbira joħolqu theddida sinifikanti għas-sigurtà interna tal-UE u għas-sigurtà u l-għajxien tan-nies tagħha. L-akbar theddidiet għas-sigurtà ġejjin minn:

Iżda qegħdin jiżdiedu wkoll perikli oħrajn, bħaċ-ċiberkriminalità u t-traffikar tal-bnedmin. In-netwerks wara r-reati f’kull wieħed minn dawn l-oqsma jkunu pronti biex jaħtfu opportunitajiet ġodda, u huma reżiljenti għall-miżuri tradizzjonali ta’ infurzar tal-liġi.

Servizzi uniċi

Il-pożizzjoni fil-qalba tal-arkitettura Ewropea tas-sigurtà tippermettilna noffru firxa unika ta’ servizzi u li nservu bħala:

  • ċentru ta’ sostenn għall-operazzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi;
  • hub għall-informazzjoni dwar l-attivitjajiet kriminali;
  • ċentru ta’ kompetenza dwar l-infurzar tal-liġi.

L-Europol f’ċifri

  • Aktar minn 1000 impjegat
  • 200 Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Europol
  • Madwar 100 analista tal-kriminalità
  • Li jappoġġjaw aktar minn 40 000 investigazzjoni internazzjonali kull sena

L-analiżi hija fil-qalba tal-attivitajiet tagħna. Aħna nimpjegaw madwar 100 analista tal-kriminalità, li huma fost l-aktar imħarrġa fl-Ewropa. Jużaw għodda tal-ogħla livell teknoloġiku sabiex jappoġġjaw l-investigazzjonijiet mill-forzi tal-liġi fl-Istati Membri kuljum.

Biex nagħtu lill-imsieħba tagħna għarfien aktar fil-fond tar-reati li qegħdin jindirizzaw, l-Europol tipproduċi valutazzjonijiet regolari li joffru analiżijiet komprensivi u progressivi tal-kriminalità u t-terroriżmu fl-UE, fosthom:

Read more

Permezz ta’ dawn ir-rapporti u b’modi oħrajn, l-Europol isservi bħala ċentru Ewropew ta’ esperjenza, li jipprovdi pjattaforma ċentrali għall-esperti tal-infurzar tal-liġi mill-Istati Membri.

Il-gruppi kriminali u terroristiċi internazzjonali joperaw fid-dinja kollha u jagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija. Biex tiżgura rispons effettiv u koordinat, l-Europol trid tkun daqstant ieħor flessibbli u innovattiva, u tiżgura li l-metodu u l-għodod tagħha jkunu aġġornati. Huwa għalhekk li aħna nilqgħu fi ħdanna għadd ta’ korpi speċjalizzati u sistemi personalizzati.

Il-korpi huma:

Is-sistemi speċjalizzati, li joffru kapaċitajiet rapidi u siguri għall-ħażna, it-tiftix, il-viżwalizzazzjoni u l-konnessjoni ta’ informazzjoni, b’hekk jikkonsistu f’għodda sofistikata kontra l-kriminalità, li jinkludu:

  • FIU.net, netwerk ta’ kompjuters deċentralizzati u sofistikat li jappoġġja lill-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (FIUs) fl-UE fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu;
  • L-Applikazzjoni ta' Netwerk għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni (SIENA, Secure Information Exchange Network Application), pjattaforma tal-ogħla livell tekniku li taqdi l-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni tal-forzi tal-liġi tal-UE;
  • il-Pjattaforma tal-Europol għall-Esperti (EPE), pjattaforma tal-web sigura u kollaborattiva għall-ispeċjalisti li jaħdmu f’oqsma varjati tal-infurzar tal-liġi;
  • is-Sistema tal-Informazzjoni Ewropea, is-sistema ta’ referenza għar-reati, l-individwi involuti fihom, u data oħra relatata.

L-Europol hija ċentru operattiv ta’ sigurtà għolja li jopera bla waqfien: 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa.

L-uffiċjali tal-Europol huma dejjem lesti biex jivvjaġġaw fuq avviż ta' żmien qasir u jipprovdu appoġġ permezz tal-uffiċċju mobbli tagħna. Il-preżenza tagħna tintalab ukoll fil-ġlieda kontra d-drogi illeċiti, u għandna tim kompletament operattiv biex jgħin fiż-żarmar ta’ laboratorji tad-drogi sintetiċi fuq il-post.

Il-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta’ din l-informazzjoni jinvolvu l-iskambju ta’ kwantitajiet kbar ta’ data personali. L-Europol tistabbilixxi u ssegwi l-ogħla standards ta’ protezzjoni tad-data u tas-sigurtà tad-data.

Peress li l-Europol tista’ tirreaġixxi b’mod flessibbli, aħna niffukaw fuq oqsma differenti ta’ attività kriminali u terroristika minn sena għal oħra, skont ir-rekwiżiti. Il-prijoritajiet ewlenin tagħna, madankollu, għandhom it-tendenza li jibqgħu relattivament stabbli u jirriflettu dawk tal-gruppi kriminali u terroristiċi internazzjonali. Matul is-snin ksibna esperjenza sostanzjali fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, netwerks ta’ immigrazzjoni illeċita u t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar illeċitu ta’ vetturi, iċ-ċiberkriminalità, il-ħasil tal-flus u l-iffalsifikar tal-flus. L-Europol hija l-uffiċċju ċentrali Ewropew għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro.

L-Europol tgawdi minn arranġamenti kooperattivi eċċellenti mal-imsieħba tal-infurzar tal-liġi fl-Ewropa u lil hinn minnha. Tapprezza wkoll l-arranġamenti ta’ responsabbiltà li għandha li huma fost l-aktar sodi u trasparenti fid-dinja.

Aħna nilqgħu l-interess pubbliku fix-xogħol tagħna u nemmnu li dan is-sit web joffri lill-qarrej stampa ċara tal-attivitajiet tagħna, il-mod responsabbli li bih jitwettqu, u l-impatt li qed ikollhom biex jagħmlu lill-Ewropa aktar sigura.

Mandat

L-Europol tappoġġja lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE fl-attivitajiet kontra l-kriminalità u t-terroriżmu fl-oqsma mandati tagħha.

Attivitajiet operattivi

Dawn l-attivitajiet jiffukaw fuq:

  • id-drogi illeċiti
  • it-traffikar tal-bnedmin
  • l-immigrazzjoni illegali ffaċilitata
  • iċ-ċiberkriminalità
  • il-kriminalità tal-proprjetà intellettwali
  • il-kuntrabandu tas-sigaretti
  • l-iffalsifikar tal-euro
  • il-frodi tal-VAT
  • il-ħasil tal-flus u t-traċċar tal-assi
  • il-gruppi mobbli tal-kriminalità organizzata
  • il-gruppi illegali ta’ motoċiklisti
  • it-terroriżmu

Ġestjoni u kontroll

L-Europol hija responsabbli fil-livell tal-UE lejn il-Kunsill tal-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

Il-Kunsill huwa responsabbli għall-kontroll u l-gwida ewlenin tal-Europol. Dan jaħtar lid-Direttur u lill-Viċi Diretturi, u japprova l-baġit tal-Europol (li huwa parti mill-baġit ġenerali tal-UE), flimkien mal-Parlament Ewropew. Jista’ wkoll jadotta, flimkien mal-Parlament Ewropew, ir-regolamenti relatati mal-ħidma tal-Europol. Kull sena l-Kunsill iressaq rapport speċjali lill-Parlament Ewropew dwar il-ħidma tal-Europol.

Struttura organizzazzjonali

L-Europol hija mmexxija minn Direttur, li huwa r-rappreżentant legali tal-Europol u jinħatar mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Id-Direttur attwali tal-Europol huwa Rob Wainwright, li assuma l-kariga fl-2009.

Huwa megħjun minn tliet Viċi Diretturi:

Il-membri tal-persunal tal-Europol ġejjin minn varjetà wiesgħa ta’ sfondi u nazzjonijiet. Biex issir taf aktar, żur il-paġna tal-istatistika tagħna.

Fl-1 ta’ Jannar 2010 l-Europol saret aġenzija sħiħa tal-UE. Din hija l-istruttura organizzattiva attwali tagħha:

Europol Organisational Chart