L-Europol hija l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. L-għan prinċipali tagħna hu li ngħinu biex tinkiseb Ewropa aktar sigura għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE.
Bil-Kwartieri Ġenerali fl-Aja, fin-Netherlands, aħna ngħinu lit-27 Stat Membru tal-UE fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu internazzjonali. Naħdmu wkoll ma’ bosta stati msieħba li mhumiex fl-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
In-netwerks ta’ kriminali u terroristi fuq skala kbira joħolqu theddida sinifikanti għas-sigurtà interna tal-UE u għas-sigurtà u l-għajxien tan-nies tagħha. L-akbar theddidiet għas-sigurtà ġejjin minn:
- it-terroriżmu;
- it-traffikar internazzjonali tad-drogi u l-ħasil tal-flus;
- il-frodi organizzata;
- l-iffalsifikar tal-euro;
- it-traffikar tal-bnedmin.
Iżda qegħdin jiżdiedu wkoll perikli oħrajn, bħaċ-ċiberkriminalità u t-traffikar tal-bnedmin. In-netwerks wara r-reati f’kull wieħed minn dawn l-oqsma jkunu pronti biex jaħtfu opportunitajiet ġodda, u huma reżiljenti għall-miżuri tradizzjonali ta’ infurzar tal-liġi.
Servizzi uniċi
Il-pożizzjoni fil-qalba tal-arkitettura Ewropea tas-sigurtà tippermettilna noffru firxa unika ta’ servizzi u li nservu bħala:
- ċentru ta’ sostenn għall-operazzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi;
- hub għall-informazzjoni dwar l-attivitjajiet kriminali;
- ċentru ta’ kompetenza dwar l-infurzar tal-liġi.
L-Europol f’ċifri
- Aktar minn 1000 impjegat
- 220 Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Europol
- Madwar 100 analista tal-kriminalità
- Li jappoġġjaw aktar minn 40 000 investigazzjoni internazzjonali kull sena
L-analiżi hija fil-qalba tal-attivitajiet tagħna. Aħna nimpjegaw madwar 100 analista tal-kriminalità, li huma fost l-aktar imħarrġa fl-Ewropa. Jużaw għodda tal-ogħla livell teknoloġiku sabiex jappoġġjaw l-investigazzjonijiet mill-forzi tal-liġi fl-Istati Membri kuljum.
Biex nagħtu lill-imsieħba tagħna għarfien aktar fil-fond tar-reati li qegħdin jindirizzaw, l-Europol tipproduċi valutazzjonijiet regolari li joffru analiżijiet komprensivi u progressivi tal-kriminalità u t-terroriżmu fl-UE, fosthom:
- il-Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata tal-UE (SOCTA), li:
- tidentifika u tivvaluta t-theddid emerġenti;
- tiddeskrivi l-istruttura tal-gruppi ta’ kriminalità organizzata (OCGs) u l-mod kif joperaw kif ukoll it-tipi ewlenin ta’ kriminalità li jaffettwaw lill-UE;
- Ir-Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu (TE-SAT) tal-UE, li jagħti rendikont dettaljat tal-istat tat-terroriżmu fl-UE.
- Ir-Reviżjoni annwali tal-Europol, li tiddeskrivi r-riżultati u tagħti informazzjoni speċifika dwar it-tipi ta’ funzjonijiet u sistemi li l-Europol għandha għad-dispożizzjoni tagħha, u taħdem fuqhom, fil-forma ta’ appoġġ koordinat għall-operazzjonijiet tal-pulizija madwar l-Ewropa u xi drabi anki aktar ’il bogħod..

Permezz ta’ dawn ir-rapporti u b’modi oħrajn, l-Europol isservi bħala ċentru Ewropew ta’ esperjenza, li jipprovdi pjattaforma ċentrali għall-esperti tal-infurzar tal-liġi mill-Istati Membri.
Il-gruppi kriminali u terroristiċi internazzjonali joperaw fid-dinja kollha u jagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija. Biex tiżgura rispons effettiv u koordinat, l-Europol trid tkun daqstant ieħor flessibbli u innovattiva, u tiżgura li l-metodu u l-għodod tagħha jkunu aġġornati. Huwa għalhekk li aħna nilqgħu fi ħdanna għadd ta’ korpi speċjalizzati u sistemi personalizzati.
Il-korpi huma:
- Iċ-ċentru operattiv tal-Europol, il-hub li jaħdem 24 siegħa 7 ijiem fil-ġimgħa għall-iskambju ta’ data bejn l-Europol, l-Istati Membri tal-UE u partijiet terzi;
- iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3), li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rispons tal-forzi tal-liġi għaċ-ċiberkriminalità fl-UE u b’hekk jgħin fil-protezzjoni taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-gvernijiet Ewropej mill-kriminalità online;
- it-Taskforce tal-Azzjoni Konġunta kontra ċ-Ċiberkriminalità (J-CAT), li tidderieġi l-azzjonijiet koordinati mmexxija mill-intelligence kontra t-theddid ewlieni miċ-ċiberkriminalità u l-miri prinċipali billi tħeġġeġ u tiffaċilita l-identifikazzjoni, il-prijoritizzazzjoni, il-preparazzjoni u t-tnedija konġunta ta’ investigazzjonijiet;
- iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC), ċentru ta’ operazzjonijiet u hub ta’ esperti li huwa parti essenzjali mill-isforzi tal-UE biex ittejjeb ir-rispons għat-terrur;
- iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti (EMSC), li jappoġġja lill-Istati Membri tal-UE fl-immirar u ż-żarmar tan-netwerks kriminali komplessi u sofistikati involuti fil-kuntrabandu tal-migranti;
- il-Koalizzjoni Koordinata kontra l-Kriminalità tal-Proprjetà Intellettwali (IPC3), li hija essenzjali għall-isforzi tal-UE biex twaqqaf il-marea ta’ kriminalità tal-proprjetà intellettwali fl-UE u lil hinn minnha.
Is-sistemi speċjalizzati, li joffru kapaċitajiet rapidi u siguri għall-ħażna, it-tiftix, il-viżwalizzazzjoni u l-konnessjoni ta’ informazzjoni, b’hekk jikkonsistu f’għodda sofistikata kontra l-kriminalità, li jinkludu:
- FIU.net, netwerk ta’ kompjuters deċentralizzati u sofistikat li jappoġġja lill-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (FIUs) fl-UE fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu;
- L-Applikazzjoni ta' Netwerk għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni (SIENA, Secure Information Exchange Network Application), pjattaforma tal-ogħla livell tekniku li taqdi l-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni tal-forzi tal-liġi tal-UE;
- il-Pjattaforma tal-Europol għall-Esperti (EPE), pjattaforma tal-web sigura u kollaborattiva għall-ispeċjalisti li jaħdmu f’oqsma varjati tal-infurzar tal-liġi;
- is-Sistema tal-Informazzjoni Ewropea, is-sistema ta’ referenza għar-reati, l-individwi involuti fihom, u data oħra relatata.
L-Europol hija ċentru operattiv ta’ sigurtà għolja li jopera bla waqfien: 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa.
L-uffiċjali tal-Europol huma dejjem lesti biex jivvjaġġaw fuq avviż ta' żmien qasir u jipprovdu appoġġ permezz tal-uffiċċju mobbli tagħna. Il-preżenza tagħna tintalab ukoll fil-ġlieda kontra d-drogi illeċiti, u għandna tim kompletament operattiv biex jgħin fiż-żarmar ta’ laboratorji tad-drogi sintetiċi fuq il-post.
Il-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta’ din l-informazzjoni jinvolvu l-iskambju ta’ kwantitajiet kbar ta’ data personali. L-Europol tistabbilixxi u ssegwi l-ogħla standards ta’ protezzjoni tad-data u tas-sigurtà tad-data.
Peress li l-Europol tista’ tirreaġixxi b’mod flessibbli, aħna niffukaw fuq oqsma differenti ta’ attività kriminali u terroristika minn sena għal oħra, skont ir-rekwiżiti. Il-prijoritajiet ewlenin tagħna, madankollu, għandhom it-tendenza li jibqgħu relattivament stabbli u jirriflettu dawk tal-gruppi kriminali u terroristiċi internazzjonali. Matul is-snin ksibna esperjenza sostanzjali fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, netwerks ta’ immigrazzjoni illeċita u t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar illeċitu ta’ vetturi, iċ-ċiberkriminalità, il-ħasil tal-flus u l-iffalsifikar tal-flus. L-Europol hija l-uffiċċju ċentrali Ewropew għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro.
L-Europol tgawdi minn arranġamenti kooperattivi eċċellenti mal-imsieħba tal-infurzar tal-liġi fl-Ewropa u lil hinn minnha. Tapprezza wkoll l-arranġamenti ta’ responsabbiltà li għandha li huma fost l-aktar sodi u trasparenti fid-dinja.
Aħna nilqgħu l-interess pubbliku fix-xogħol tagħna u nemmnu li dan is-sit web joffri lill-qarrej stampa ċara tal-attivitajiet tagħna, il-mod responsabbli li bih jitwettqu, u l-impatt li qed ikollhom biex jagħmlu lill-Ewropa aktar sigura.
Mandat
L-Europol tappoġġja lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE fl-attivitajiet kontra l-kriminalità u t-terroriżmu fl-oqsma mandati tagħha.
Attivitajiet operattivi
Dawn l-attivitajiet jiffukaw fuq:
- id-drogi illeċiti
- it-traffikar tal-bnedmin
- l-immigrazzjoni illegali ffaċilitata
- iċ-ċiberkriminalità
- il-kriminalità tal-proprjetà intellettwali
- il-kuntrabandu tas-sigaretti
- l-iffalsifikar tal-euro
- il-frodi tal-VAT
- il-ħasil tal-flus u t-traċċar tal-assi
- il-gruppi mobbli tal-kriminalità organizzata
- il-gruppi illegali ta’ motoċiklisti
- it-terroriżmu
Ġestjoni u kontroll
L-Europol hija responsabbli fil-livell tal-UE lejn il-Kunsill tal-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.
Il-Kunsill huwa responsabbli għall-kontroll u l-gwida ewlenin tal-Europol. Dan jaħtar lid-Direttur u lill-Viċi Diretturi, u japprova l-baġit tal-Europol (li huwa parti mill-baġit ġenerali tal-UE), flimkien mal-Parlament Ewropew. Jista’ wkoll jadotta, flimkien mal-Parlament Ewropew, ir-regolamenti relatati mal-ħidma tal-Europol. Kull sena l-Kunsill iressaq rapport speċjali lill-Parlament Ewropew dwar il-ħidma tal-Europol.
Struttura organizzazzjonali
L-Europol hija mmexxija minn Direttur Eżekuttiv, li huwa r-rappreżentant legali tal-Europol u jinħatar mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttur Eżekuttiv attwali tal-Europol hija Catherine De Bolle, li ħadet il-kariga f’Mejju 2018.
Hija megħjuna minn tliet Deputati Diretturi Eżekuttivi:
- Wil van Gemert, Direttorat tal-Operazzjonijiet
- Jürgen Ebner, Direttorat tal-Governanza
- Luis de Eusebio Ramos, Direttorat tal-Kapaċitajiet
Il-membri tal-persunal tal-Europol ġejjin minn varjetà wiesgħa ta’ sfondi u nazzjonijiet.
Fl-1 ta’ Jannar 2010, l-Europol saret aġenzija sħiħa tal-UE. Fl-1 ta’ Mejju 2017, l-Europol saret uffiċjalment l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, wara li r-Regolament il-ġdid tagħha daħal fis-seħħ.
Ir-regolament il-ġdid ġie adottat fil-11 ta’ Mejju 2016, meta l-Parlament Ewropew ivvota dwar setgħat aġġornati li jippermettu lill-Europol iżżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u forom serji u organizzati oħra ta’ kriminalità. Ir-regolament il-ġdid isaħħaħ ir-rwol tal-Europol fl-appoġġ tal-kooperazzjoni fost awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE.
